L-Imqabba F.C. Youth Nursery
Mill-Amministratur tan-Nursery, Antoine Sciberras
Mill-Amministratur tan-Nursery, Antoine Sciberras
L-ewwel tentattivi biex tiġi mwaqqfa L-Mqabba FC Youth Nursery imorru lura għas-sena 1993, meta Joe Bugeja (magħruf bħala d-Demsi) ġabar xi tfal mill-Imqabba u tagħhom l-opportunità ta’ taħriġ bażiku fil-futbol. Għal xi raġuni jew oħra, in-Nursery waqfet topera ħesrem.
Fis-sena 2000, Joe Farrugia qasam il-ħsibijiet tiegħu ma’ Mark Bondin dwar it-twaqqif mill-ġdid tan-Nursery tal-futbol. Grupp ta’ 20 tifel, kollha taħt it-12-il sena bdew jattendu għat-taħriġ ma’ Mark Bondin. Eventwalment, Bondin sar l-ewwel Headcoach ta’ Mqabba FC Youth Nursery. Dan l-istaġun ħabat eżatt mal-promozzjoni ta’ Mqabba FC fl-Ewwel Diviżjoni.
L-istaġun ta’ wara (2001/2002), in-numru ta’ tfal irdoppja fejn ġiet introdotta kategorija oħra fi ħdan l-istess Nursery, jiġifieri dik ta’ taħt l-10 snin, bit-taħriġ jinżamm darbtejn fil-ġimgħa. Il-kategorija ta’ taħt it-12-il sena kellha sena impressjonanti, b’riżultati sodisfaċenti f’diversi turnaments organizzati mill-YFA kif ukoll spiċċat runner-up f’żewġ turnaments oħra organizzati ġewwa Ħaż-Żebbuġ u ż-Żurrieq.
L-istaġun 2002/2003 ra lin-Nursery tagħna tikber konsiderevolment. Għaldaqstant inħass il-bżonn li jsir investiment fil-kowċis biex inkunu nistgħu nlaħħqu maż-żieda ta’ tfal u b’hekk jingħata servizz aktar professjonali. L-ewwel kowċis kienu Omar Caruana u Joe Borg (U8), Alan Friggieri (U10), Paul Calleja (U12) u Mark Bondin (U14), kollha fuq bażi volontarja. Fl-istess staġun ġew introdotti wkoll it-tracksuits u l-kit uffiċjali ta’ Mqabba FC Youth Nursery għas-sessjonijiet ta’ taħriġ u l-logħob. Matul is-sena ta’ wara (2003/2004) is-sitwazzjoni baqgħet prattikament l-istess, b’żieda żgħira fin-numru ta’ tfal. Matul dan l-istaġun in-Nursery bdiet tinvesti bis-serjetà fil-coaching, bil-kowċis jibdew jattendu għall- korsijiet organizzati mill-MFA, sabiex it-taħriġ jilħaq dejjem livelli aħjar.
Issa li l-grawnd tal-5-a-side sarlu wiċċ ġdid bit-terf sintetiku minflok dak tar-ramel li kien hemm qabel, ippermetta li n-Nursery ittejjeb il-kwalità tat-taħriġ. Barra minn hekk, inbnew kmamar ġodda biswit il-grawnd stess sabiex iservu ta’ dressing rooms u uffiċini għan-Nursery tagħna. Matul dan l-istaġun, l-iskwadri ġew maqsuma f’diversi kategoriji: U6, U8, U10, U12, U14, U16 u U19. Dan jikkonferma kemm in-Nursery tagħna kienet kibret matul l-ewwel ftit snin mit-twaqqif tagħha. Fil-fatt in-numru ta’ alljievi li jattendu t-taħriġ żdied għal 160 taħt il-gwida ta’ 15-il kowċ, li bejniethom tellgħu mhux inqas minn 16-il sessjoni ta’ taħriġ fil-ġimgħa. Is-sessjonijiet ta’ taħriġ kienu koordinati minn żewġ kowċis kwalifikati bil-liċenzja tal-UEFA B, Mark Bondin u l-Maġġur Darren Micallef.
L-istaġun 2008-2009 ra l-istallazzjoni ta’ terf sintetiku tal-grawnd il-kbir flimkien mal-bini ta’ kmamar oħra biswit dawk eżistenti sabiex iservu bħala kamra tat-tagħmir u uffiċċju amministrattiv. Dawn il-faċilitajiet taw aktar opportunitajiet lin-Nursery biex ikun hemm iżjed titjib fl-aspetti tekniċi u personali tat-tfal tagħna. Fl-istaġun 2009/2010, issa li l-faċilitajiet kienu stabbiliti, in-Nursery investiet f’tim ta’ kowċis b’esperjenza u kwalifiċi bil-għan li ttejjeb l-iżvilupp personali kontinwu tal-plejers.
Fis-sena 2010, Mqabba FC Youth Nursery iċċelebrat l-għaxar anniversarju mit-twaqqif tagħha. Il-logo magħżul għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kien “For the Good of the Young”. Ġew organizzati bosta attivitajiet, bl-avveniment prinċipali jkun riċeviment organizzat fil-bini tan-Nursery fil-preżenza tal-Onor. Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u l-Isport. Dakinhar tħawlet palma fi Ġnien il-Missjoni ż-Żgħira u nkixfet lapida kommemorattiva. Fil-bidu tal-istaġun 2011/2012, Jimmy Briffa, eks- plejer internazzjonali Malti u eks- plejer mat-tim ta’ Mqabba FC inħatar Direttur Tekniku. F’dan l-istaġun Mqabba FC Youth Nursery iffirmat kuntratt ta’ sponsorship ġdid ma’ Eurosport u biddlet il-marka tal-kits tagħha minn Legea għal Adidas.
Sa mit-twaqqif tan-Nursery fis-sena 2000, issa kien wasal iż-żmien li n-Nursery tibda taħsad il-frott. Fil-fatt kellna diversi plejers prodotti min-Nursery tagħna li ddebuttaw mat-tim tal-kbar ta’ Mqabba FC. L-ewwel plejer li rajna d-debutt tiegħu kien Joseph Fenech (illum misluf lil Qrendi FC) nhar il-25 ta’ Novembru 2007 fil-logħba kontra Msida SJ FC mill-kampjonat tal-ogħla diviżjoni. Il-logħba intemmet 3-2 favur Msida. Kien imiss lil Brandon Debono (gowler) u Omar Farrugia li jagħmlu d-debutt tagħhom. Brandon Debono, mit-tim ta’ taħt is-17-il sena, kellu d-debutt tiegħu ma’ Mqabba FC fit-3 ta’ Mejju 2010 f’logħba kontra Balzan Youths li rat lit-tim ta’ Mqabba FC joħroġ rebbieħ bl-iskor ta’ 1-0. Brandon għamel id-debutt tiegħu fl-età ta’ 15-il sena. Omar Farrugia, plejer ieħor fil-kategorija ta’ taħt is-17-il sena, għamel id-debutt tiegħu mat-tim tal-kbar ta’ Mqabba FC fl-1 ta‘ Mejju 2011 kontra Dingli. F’din il-logħba Omar kien strumentali fl-azzjoni li wasslet għat-tielet gowl ta’ John Paul Muscat skurjat minn penalty bl-iskor finali jaqra 3-1 favur Mqabba. Sadattant Omar intgħażel ukoll biex jingħaqad mat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena u għamel id-debutt tiegħu nhar l-24 ta’ Ottubru 2011 f’logħba mill-kampjonat tal-UEFA U17 kontra t-tim ta’ Montenegro. Matul l-istaġun 2012/2013 rajna d-debutt ta’ aktar plejers ġejjin min-Nursery tagħna. Sa dan it-tant żewġ plejers oħra, prodotti min-Nursery tagħna, Franklin Cassar u Christian Mifsud lagħbu għat-tim ta’ Qrendi FC iżda qatt għat-tim ta’ Mqabba FC. Franklin Cassar lagħab ukoll għat-tim ta’ Luqa SA FC. Nhar l-14 ta’ April 2013 wasal iż-żmien għall-plejer mill-kategorija U19, Kurt Falzon. Kurt għamel id-debutt tiegħu ma’ Mqabba FC fl-età ta’ 17-il sena fil-logħba kontra Naxxar bil-partita dakinhar tintemm 3-0 għal Naxxar. Imbagħad nhar l-20 ta’ April 2013, Ryan Vella, fl-età ta’ 17-il sena, mill-iskwadra ta’ taħt is-17-il sena kif ukoll Adrian Abdilla, fl-età ta’ 18-il sena, mill-kategorija tal-U19, għamlu d-debutt tagħhom ma’ Mqabba FC kontra Gudja Utd f’logħba mill-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni li ntlagħbet ġewwa Luxol Grawnd. Dakinhar il-logħba spiċċat 4-1 għall- Gudja. Ta’ min jinnota wkoll li matul din l-istess logħba, Mqabba FC kellhom ħames plejers kollha prodotti tan-Nursery fil-grawnd flimkien, minbarra Curtis Callus, mill-kategorija ta’ taħt is-17-il sena li kien fuq il-bank bħala l-gowler riserva.
Matul l-aħħar logħba mill-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni li ntlagħbet nhar is-27 ta’ April 2013 fis-Grawnd Ċentinarju kontra Birżebbuġa, Curtis Callus għamel id-debutt tiegħu fit-82 minuta fl-età ta’ 15-il sena. Il-logħba spiċċat bir-riżultat jaqra 5-1 għal Birżebbuġa. Barra minn hekk, kemm Ryan Vella kif ukoll Curtis Callus intgħażlu regolarment għall-provi mat-tim nazzjonali tal- U17. Nhar l-20 ta’ Diċembru kien imiss lill-plejer tal-U17 tagħna, Jake Callus li jagħmel id-debutt tiegħu kontra Vittoriosa fejn lagħab l-aħħar 17-il minuta mil-logħba mirbuħa minn Vittoriosa. Jake għamel id-debutt tiegħu fl-età ta’ 16-il sena u 11-il ġurnata. Nhar il-5 ta’ Jannar 2015, Luke Vella u Gianluca Galea, it-tnejn mill-iskwadra U19, għamlu d-debutt tagħhom fil-logħba tal-Ewwel Diviżjoni kontra Gżira Utd. Il-logħba nżammet fis- Grawnd Ċentinarju u ntemmet 5-0 għall- Gżira. Nhar it-12 ta’ April 2015, il-captain tat-tim tal-U17 Mark Baldacchino għamel id-debutt tiegħu mat-tim tal-kbar fejn lagħab l-aħħar 10 minuti f’logħba mill-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni kontra Birżebbuġa. Il-logħba spiċċat 3-0 għal Mqabba FC. Nhar is-17 ta’ Jannar 2016 kien imiss lil Karl Saliba li jagħmel id-debutt tiegħu mat-tim ta’ Mqabba FC kontra Gudja Utd. Il-logħba spiċċat b’rebħa minima għal Gudja. Karl għamel id-debutt tiegħu fl-età ta’ 17-il sena u 343 ġurnata. Il-plejer promettenti mill-iskwadra tal-U17, Christophe Cutajar għamel id-debutt tiegħu kontra Vittoriosa. Christophe kellu sehem fl-aħħar 25 minuta fejn issostitwixxa lil Isaac Galea, u għamel id-debutt tiegħu fl-età ta’ 16-il sena u 84 ġurnata. Il-logħba ntlagħbet fis-Grawnd taċ-Ċentinarju u spiċċat b’rebħa ta’ 2-1 għal Birgu. Nhar l-24 ta’ April 2016 kien imiss lil plejer ieħor promettenti, Kyle Azzopardi li jagħmel id-debutt tiegħu mat-tim tal-kbar fl-aħħar logħba tal-istaġun kontra Gudja Utd. Kyle għamel id-debutt tiegħu fl-età ta’ 16-il sena u 247 ġurnata u lagħab l-aħħar 15-il minuta. Ta’ min jinnota wkoll li matul din il-logħba ġew utilizzati erba’ plejers oħra prodotti ta’ Mqabba FC Youth Nursery. Dawn huma Brandon Debono (li ddefenda l-lasta) u Mark Baldacchino li lagħbu għal 90 minuta sħaħ, kif ukoll Jake Callus u Christophe Cutajar li daħlu bħala sostituti fit-tieni nofs tal-partita. Il-logħba spiċċat 7-3 għan-naħa tagħna.
L-istaġun 2013/2014 immarka l-ewwel promozzjoni miksuba minn Mqabba FC Youth Nursery permezz tal-iskwadra ta’ taħt il-15-il sena, taħt il-gwida tal-kowċ Clifford Vassallo. Mqabba FC spiċċaw runners- up fit-taqsima Ċ1 fejn kisbu d-dritt li jilagħbu l-playoffs. Wara l-playoffs, Mqabba FC ġew dikjarati Champions ta’ Sezzjoni Ċ. Din kienet l-ewwel promozzjoni għall- Mqabba FC Youth Nursery wara li spiċċaw runners-up fl-istaġun 2010/2011 bit-tim ta’ taħt is-17-il sena u fl-istaġun 2012/2013 bl-U15. Dan l-istaġun immarka wkoll it-tmiem tal-era ta’ Mark Bondin bħala Headcoach tan-Nursery tagħna meta nħatar Headcoach ma’ Birkirkara FC Youth Nursery. Wara din il-ħatra, Nicholas Baldacchino, kwalifikat bil-liċenzja UEFA B inħatar bħala Headcoach ta’ Mqabba FC Youth Nursery fl-10 ta’ April 2014 b’effett mid-9 ta’ Ġunju 2014. Nicholas Baldacchino baqa’ jokkupa din il-pożizzjoni sal-24 ta’ Frar 2016 wara li ngħaqad ma’ Valletta FC Youth Nursery. Leonard (Nardu) Farrugia ġie maħtur bħala Konsulent Tekniku tan-Nursery tagħna mill-istaġun 2014/2015 sal-istaġun 2015/2016. Sadanittant, Fernando Costantino, kwalifikat bil-liċenzja UEFA B u gradwat fil-ġestjoni tal-Isports mill-Università ta’ Teramo, provinċja ta’ Abruzzo fl-Italja kif ukoll kwalifikat bħala Direttur tal-kowċing taż-Żgħażagħ, ġie nominat bħala Headcoach mill-istaġun 2016/2017. Mill-istaġun 2017/2018 Michael Degiorgio kien l-għażla awtomatika għal Mqabba FC Youth Nursery b’viżjoni u strateġija aktar fit-tul. Degiorgio lagħab kważi 200 partita għal Ħamrun Spartans FC u 85 partita għal Naxxar. Huwa kellu wkoll 74 dehra mat-tim nazzjonali Malti fejn skorja 4 darbiet. Degiorgio għandu esperjenza vasta kemm fis-settur tal-kbar kif ukoll f’taż-żgħażagħ u żgur li se jkun ta’ għajnuna kbira għan-Nursery tagħna.
Fl-14 ta’ Marzu 2015, Ivano Ramiro Cordoba, eks plejer leġġendarju ta’ Inter FC u plejer internazzjonali tal-Kolombja flimkien ma’ Natalino Felice, eks plejer ta’ Inter FC ukoll, għamlu żjara ta’ kortesija ġewwa l-klabb tagħna waqt avveniment tal-futbol organizzat min-Nursery bħala parti mill-Maratona bir-Roti biex jinġabru donazzjonijiet għax-xiri ta’ diversi AEDs li ġew mogħtija lil diversi organizzazzjonijiet volontarji.
Fl-istaġun 2015/2016 il-plejer Kyle Azzopardi ġie magħżul bħala l-U17 Weetabix Best Player of the Month għal Frar 2016, filwaqt li fl-istaġun 2016/2017 Benoit Azzopardi ntgħażel bħala l-U17 Weetabix Best Player of the Month għal Marzu. Fl-istess staġun, il-plejer mill-kategorija ta’ taħt il-15-il sena, Neville Borg spiċċa Top Scorer tas-Sezzjoni wara li skorja 34 gowl fil-kampjonat.
Bejn it-28 ta’ Lulju u t-3 ta’ Awwissu 2015, Mqabba FC Youth Nursery ħadet sehem għall-ewwel darba f’turnament internazzjonali li sar barra l-pajjiż, preċiżament f’Nottingham, fir-Renju Unit. Mqabba FC Youth Nursery, rappreżentata mit-tim ta’ taħt it-13-il sena, lagħbet għall-Plate Finali ta’ din it-Tazza imma sfortunatament tilfet 3-1 wara l-għoti tal-penalties. Sal-ħin regolamentari l-iskor kontra Abbey Hulton tar-Renju Unit baqa’ mingħajr gowls. Matul dan it-turnament, in-Nursery tagħna lagħbet kontra US Revolution FC (1-1), US Flying Eagles (rebħa ta’ 1-0), Arsenal Soccer School ta’ Bahrain (telfa ta’ 4-0), Celtic Castlebar FC tal-Irlanda (telfa ta’ 1-0) u Abbey Hulton mir-Renju Unit (1-1). Il-grupp preżenti għal din il-mawra, kompost minn 18-il plejer, 11-il ġenitur u erba’ uffiċjali tal-klabb kellu l-opportunità li jżur il-Liverpool FC Museum u Anfield Stadium, Liverpool FC Academy f’Kirkby (fejn it-tim tagħna kellu sessjoni ta’ taħriġ), kif ukoll il-Manchester United Museum u Old Trafford Stadium. Kellna wkoll l-opportunità li naraw żewġ logħbiet ta’ ħbiberija: Derby vs Villareal FC (ta’ Spanja) ġewwa l-iPro Stadium f’Derby (1-1) u Nottingham Forest FC vs Aston Villa FC f’Nottingham City Stadium (3-3). Ma setax ikun li nkunu ġewwa r-Renju Unit u ma nżurux il-Wembley Stadium fejn attendejna għall-finali taċ-Charity Shield bejn Chelsea u Arsenal (0-1). Din kienet esperjenza kbira u rikka kemm għall-klabb tagħna b’mod ġenerali kif ukoll għall-plejers b’mod partikulari.
Wara din l-esperjenza, Mqabba FC Youth Nursery ipparteċipat f’turnament trijangolari ta’ ħbiberija f’Katanja fi Sqallija nhar is-27 ta’ Frar 2016. Din kienet it-tieni darba li n-Nursery tagħna pparteċipat f’turnament barra pajjiżna. Mqabba FC Youth Nursery tilfet l-ewwel logħba 3-1 kontra PGS Don Bosco Alvaro Sales filwaqt li rebħet it-tieni logħba 3-2 kontra t-tim Clan dei Ragazzi ta’ Katanja. Wara t-turnament, il-grupp (kompost minn 15-il plejer, 22 ġenitur u żewġ uffiċjali) kellu l-ħin iżur l-Etna kif ukoll ħin għax-xiri minn Auchan, Porte di Catania.
L-għan ewlieni tan-Nursery tagħna huwa li tikkontribwixxi għall-iżvilupp personali kontinwu tat-tfal li jkunu ġejjin mill-Imqabba u minn irħula oħra, billi tressaqhom lejn il-logħba sabiħa tal-futbol għall-benefiċċju aħħari tal-komunità.
It-twettiq ta’ dan l-objettiv jixhdu n-numru dejjem jikber ta’ tfal li jattendu s-sessjonijiet ta’ taħriġ matul il-ġimgħa kollha. Il-kontribut pożittiv tan-Nursery ġie rikonoxxut ukoll mill-Kunsill Lokali tal-Imqabba meta fl-2009, Mark Bondin, il-fundatur tan-Nursery u l-ewwel Headcoach, ingħata l-premju ‘Ġieħ l-Imqabba’ b’apprezzament għall-kontribuzzjoni kontinwa u siewja tiegħu fin-Nursery u l-komunità tar-raħal. Fis-sena 2003 is-Segretarju u Amministratur attwali tan-Nursery, Antoine Sciberras, ġie nominat ukoll għall-istess unur.
Mqabba FC Nursery hija ħerqana li tkompli bil-kontribut pożittiv u innovattiv tagħha fil-komunità. Fil-fatt, mill-istaġun 2009/2010, il-kumitat ħa ħsieb li minbarra li jieħu ħsieb l-aspett tekniku u amministrattiv tan-Nursery, iwaqqaf sottokumitat kompost minn ġenituri tat-tfal biex iħeġġiġhom jipparteċipaw b’mod dirett fin-Nursery. Il-Nursery temmen li l-involviment tal-ġenituri huwa kruċjali biex in-Nursery tkompli ssegwi l-missjoni tagħha. Tirrikonoxxi wkoll l-obbligi li għandha lejn il-komunità li hi stess tifforma parti minnha. Dan is-sottokumitat huwa responsabbli għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet li huma mmirati biex isaħħu l-preżenza tan-Nursery fil-komunità. Iwessa’ wkoll l-istruttura operattiva tal-mixtla fejn issa n-Nursery qiegħda tiffoka fuq tliet aspetti importanti, jiġifieri dawk tekniċi, amministrattivi u komunitarji.
Mqabba FC Youth Nursery tieħu ħsieb li matul l-istaġun tieħu sehem u torganizza diversi attivitajiet filantropici u komunitarji sabiex inrawwmu fit-tfal u żgħażagħ tagħna sens ta’ volontarjat u altruwiżmu. Fost dawn l-attivitajiet insibu s-sehem attiv f’Jum l-Imqabba; il-Maratona annwali ta’ futbol b’risq Puttinu Cares; Solidarjeta’ bl-Isports b’risq il-Malta Community Chest Fund; Attivitajiet b’risq Hospice Movement; Għoti ta’ kits u tracksuits lil tfal refuġjati, Help the children of Hal Far; sehem attiv f’attivitajiet organizzati mir-Reġjun Nofsinhar u oħrajn. Dan minbarra d-diversi attivitajiet kulturali u rikrejattivi li jiġu organizzati minn żmien għal żmien. Barra minn hekk, fl-istaġun tas-Sajf in-Nursery tagħna tiftaħ il-bibien tagħha għall-iskola tas-Sajf fejn minbarra t-taħriġ fil-futbol ikollna diversi taħriġ f’dixxiplini oħra bħal Rugby, Judo u Hip Hop Break dance. Ma jistax jonqos li jkollna wkoll diversi attivitajiet oħra fosthom Beach soccer, Human Table soccer, Fun games u anke Water games.
Għal aktar dettalji dwar in-Nursery tagħna, inħeġġukom iżżuru l-websajt uffiċjali www.mqabbafcyn.org jew il-paġna ta’ Facebook www.facebook.com/mqabbafcyn. Barra minn hekk, pubblikazzjonijiet maħruġa minn żmien għal żmien min-Nursery ta’ Mqabba FC, fosthom il-kalendarju annwali, huma aċċessibbli fuq www.issuu.com/mqabbafcyn.