L-Istorja tal-Klabb mit-twaqqif tiegħu
Tagħrif meħud mill-ktieb ‘Il-Klabbs Maltin tal-Futbol’ – It-Tieni Volum ta’ Carmel Baldacchino
Tagħrif meħud mill-ktieb ‘Il-Klabbs Maltin tal-Futbol’ – It-Tieni Volum ta’ Carmel Baldacchino
Għall-ħabta tal- 1915-16, proprju fil-bidu tal-Ewwel Gwerra Dinjija, xi suldati Maltin sabu ruħhom stazjonati qrib ir-raħal tal-Imqabba. Dawn is-suldati xi wħud minnhom mill-Imqabba stess kienu jgħaddu ż-żmin jilagħbu l-futbol f’post magħruf bħala ‘Fuq il-Mentna’.
Iżda hekk kif spiċċat il-gwerra, is-suldati ħallew lill-Imqabba u magħhom ħadu wkoll il-ħjiel tal-logħba. Wara dan, l-Imqabbin kellhom jisennew sal-1944 biex reġa’ rama tim ieħor fir-raħal. Dan it-tim li sal-lum il-ġurnata l-anqas nafu x’jismu, beda l-attivitajiet tiegħu eżatt wara li spiċċat il-gwerrra. Milli jidher dan it-tim beda jilgħab logħbiet ta’ ħbiberija kontra timijiet tas-Servizzi u timijiet oħra mill-irħula fil-viċin. Dan it-tim kien jilgħab f’għalqa li llum m’għadiex teżisti, għaliex ittieħdet biex issir waħda mir-runways tal-ajruport.
Dan it-tim ma damx jeżisti għaliex hekk kif fetħet l-emigrazzjoni, ħafna mill-plejers telqu lejn l-Awstralja. Il-futbol fl-Imqabba ma setax jieħu r-ruħ sakemm ramaw l-Imqabba Ramblers fl-1953.
Dan it-tim lagħab l-ewwel logħba tiegħu fl-1 ta’ Frar, 1953 kontra r-Rabat Empire. Ir-Ramblers kienu rebħu din il-logħba bl-iskor ta’ 3-2. Mill-ftit informazzjoni li għandna dwar l-ewwel snin ta’ dan il-klabb nafu li kienu jiltaqgħu f’numru 24 fi Triq San Bażilju.
Fl-istaġun 1955-56, daħlu fil-Malta Amateur Football Association u hawn insibu plejers ta’ ċertu fama bħal Suda ta’ Melita FC, Fitzgerald ta’ Sliema Wanderers, Billy Dalli u Eddie Bonnett ta’ Floriana FC, Joe Aquilina ta’ Sliema Wanderers, Armeni ta’ Ħamrun Spartans, Sultana ta’ Melita’ FC u P.Muscat tal-Hibernians. Ma jistax jonqos li bi plejers ta’ din il-klassi, Mqabba Ramblers ma jkunux fost dawk ta’ quddiem tal-Kampjonat tal-MAFA. Wara dan l-istaġun, Mqabba Ramblers ma ħadux sehem aktar fil-kampjonat tal-Mafa. Probabli li t-tim sfratta għax ma nstema’ xejn aktar dwarhom.
Matul is-snin ħamsin, l-MFA kienet torganizza kampjonat għat-timijiet dilettanti. Fost dawn kien hemm timijiet li kienu qegħdin jaspiraw li jieħdu sehem fil-Kampjonat nazzjonali. Fl-istaġun 1957-58, insibu żewġ timijiet mill-Imqabba fl-Amateur League. Dawn kienu Mqabba Rovers u Mqabba Ħajduks. Ma jistax jonqos li b’żewġ timijiet jikkompetu fl-istess kampjonat ma jkunx hemm pika kbira fir-raħal. Hawnhekk ġara li xi wħud bdew jaraw li din il-pika żejda kienet qed tagħmel ħsara lir-raħal tagħma u għalhekk bdew jaħdmu id f’id biex isir klabb wieħed u bis-saħħa tas-Sur Richard Spiteri twaqqaf tim wieħed bl-isem ta’ Mqabba Ħajduks, kif għadhom sal-lum.
Il-Ħajduks lagħab l-ewwel logġba tiegħu fit-12 ta’ Ottubru 1958, kontra Atlanta SC fl-Amateur League u rebħu bl-iskor żgħir ta’ 1-0. Kien bidu tajjeb li ħajjar lill-Imqabbin biex japplikaw u jieħdu sehem fil-Kampjonat Nazzjonali. Iżda forsi għaliex l-Imqabba kien raħal żgħir b’popolazzjoni ta’ mhux aktar minn elfejn ruħ, l-MFA ħalliethom jistennew erba’ snin qabel ma aċċettathom fit-Tielet Diviżjoni.
Staġun wara l-ieħor, l-Imqabba Ħajduks baqgħu japplikaw, mill-1958-59 sa 1962-63. Qrendi FC, Dingli Swallows u Għaxaq FC kollha daħlu qabilhom. Sa fl-aħħar, fl-1962-63, kisbu l-frott tal-ħidma tagħhom meta ġew aċċettati fl-MFA. F’dak l-ewwel staġun tagħhom, Mqabba taw sorpriża kbira meta żammew draw fin-Knock Out lil Lija Athletics li kienu għadhom kemm rebħu l-Kampjonat tat-Tielet Diviżjoni. Fis-sena ta’ qabel, jiġifieri 1961-62, l-Imqabbin kienu daħlu fil-Minor League tal-MFA u kienu ser jerbħu s-sezzjoni li ma kienx għat-telf ta’ protest magħmul minn Vittoriosa Stars minħabba xi plejer ineliġibbli.
Minkejja dan l-episodju li ssemma, l-ewwel snin tal-klabb tal-Imqabba fit-Tielet Diviżjoni ma tantx kienu sbieħ. Filfatt, bejn il-1962 u l-1972, dan it-tim ġie relegat ħames darbiet. B’xorti tajba, għalkemm kull darba kellhom jerġgħu japplikaw biex jibqgħu fit-Tielet Diviżjoni, l-applikazzjoni tagħhom dejjem ġiet milqugħa. L-aħħar darba li ġew relegati kien fl-istaġun 1971-72. Wara dan l-istaġun, l-affarijiet bdew jitranġaw xi ftit sakemm fl-1977-78 rebħu l-Promozzjoni għat-Tieni Diviżjoni għall-ewwel darba fl-Istorja tal-klabb mit-twaqqif tiegħu.
F’dan l-istaġun, Mqabba Ħajduks iddominaw b’mod konvinċenti tant li ġabru 21 punt minn 24 b’telfa waħda biss u draw minn 12 –il partita. Għalkemm meritatament, Mqabba ħolqu sorpriża meta rnexxielhom kontra kull pronostiku, jirbħu sezzjoni ferm bilanċjata b’timijiet bħal Little Rainbows, Marsaxlokk u Siġġiewi. Fiċ-Championship decider Mqabba ġew draw ta’ mingħajr gowls kontra Lija Athletic, iżda mbagħad tilfu 2-0 fir-replay. Minkejja dan id-diżappunt, l-istaġun 1977-78 kien staġun mill-aqwa għat-tim tal-Imqabba; staġun li fetaħ aktar suċċess għat-tim fil-futur.
Il-Mawra ta’ Mqabba Ħajduks fil-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni kienet waħda qasira ħafna għaliex fl-istaġun 1978-79 ġabru biss ħames punti u għalhekk ġew relegati għat-Tielet Diviżjoni. Minħabba f’hekk, it-tim tħabat biex jerġa’ jqum fuq saqajh. Wara żewġ staġuni li t-tim spiċċa f’nofs il-Klassifika, fl-istaġun 1981-82, Mqabba reġgħu ħadu u rebħu l-promozzjoni għat-Tieni Diviżjoni.. Mqabba ħadu sehem f’sezzjoni A fejn flimkien ma’ Pieta Hotspurs kienu l-protagonisti. Matul dan l-istaġun, kellhom imexxihom l-ex-plejer internazzjonali, Jimmy Briffa. Għalkemm matul l-istaġun u sat-tmiem, l-isfidanti bdew jaqsmu l-ewwel post, fil-Promotion Decider it-tim tal-Imqabba kien l-aħjar u għelbu lil Pieta 2-0 b’gowls ta’ Raymond Vella u Farrugia. Aktar tard, Tarxien Rainbows saru Champions tat-Tieni Diviżjoni meta għelbu lill-Mqabba bl-iskor ta’ 1-0 biss, f’partita akkanita u b’attendenza kbira anke minn partitarji Mqabbin.
Hawnhekk wieħed jista’ jgħid li bdiet l-isbaħ era fl-istorja tal-klabb tal- Imqabba, fejn f’perjodu ta’ tnax –il sena, il-klabb kiseb il-promozzjoni għall-ogħla diviżjoni, il-Premier Division, tlett darbiet.
Fl-istaġun 1983-84, it-tim tal-Mqabba ġie promoss għall-ewwel darba fil-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni wara 27 sena ta’ attivita’ fil-Kampjonat Nazzjonali. Matul dan l-istaġun memorabbli għall-Mqabba Ħajduks, it-tim baqa’ mhux megħlub. Ir-rivali l-kbar ta’ Mqabba f’dan l-istaġun kienu Vittoriosa Stars li qasmu l-punt mal-Mqabba fl-ewwel rawnd. Iżda Mqabba aċċertaw ruħhom mill-kampjonat meta għelbu lill-istess Vittoriosa 5-3 fit-tieni rawnd.
L-istaġun 1984-85 kien ieħor memorabbli għall-klabb tal-Imqabba. Għal darb’oħra kienu mmexxija minn Jimmy Briffa, il-Ħajduks baqgħu mhux megħluba. F’dan l-istaġun, it-tim kabbar l-imbattibilita’ tiegħu għal 40 partita. Dan ir-rekord kiser dak ta’ St.Patrick’s (34 partita) meta Mqabba kienu għadhom fil-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni. Sfortunament, it-tim tal-Mqabba tilef punti prezzjużi bħala pass dixxiplinarju u għalhekk ma rnexxilhomx jilħqu lil Birkirkara fl-ewwel post tal-klassifika, u b’hekk Birkirkara spiċċaw fl-Ewwel post tal-Kampjonat.
Ftit hemm xi tgħid dwar l-esperjenza tat-tim tal-Imqabba fl-ogħla diviżjoni għaliex l-Imqabba sabuha diffiċli jħabbtuha mal-kbar, u wara biss sena, fejn ġabru biss sitt punti, reggħu ġew relegati għall-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni. Din id-darba damu ħames staġuni f’dak il-livell sakemm reġgħu kisbu l-promozzjoni għall-Kampjonat Premier fl-1990-91.
Dan l-istaġun kien bla dubju wieħed mill-aqwa fl-istorja tal-klabb ta’ Mqabba FC. Mhux biss għaliex matulu t-tim rebaħ l-akbar unur fl-istorja tal-klabb iżda għaliex ukoll għall-mod kif rebaħ ic-Championship tal-Ewwel Diviżjoni. Mqabba kisbu 12 –il rebħa. Barra minn hekk, il-goalkeeper Eddie Bartolo, lejn tmiem il-Kampjonat waqqaf rekord personali ta’ 480 minuta mhux megħlub u fi tmien logħbiet tat-tieni rawnd sofra biss żewġ gowls. Mqabba ċċelebraw ir-rebħ tal-kampjonat nhar il-Ħadd 7 ta’ April 1991 fil-logħba kontra Gżira United. Il-partitarji Mqabbin niżlu bi ħġarhom għal din il-logħba bi bnadar u kull ħaġa oħra ta’ Briju sabiex jiċċelebraw dan is-suċċess miksub. Madankollu kulħadd ħareġ diżappuntat meta l-MFA naqset milli tagħmel il-preżentazzjoni tat-tazza wara tmiem il-logħba.
Fl-Istaġun 1991/92, Mqabba sabu ruħhom f’nofs ġlieda kontra r-relegazzjoni bejn sitt timijiet. Rabat, Hibernians u Birkirkara serħu rashom u ħalla lil St.Andrew’s, Mqabba u Żurrieq biex jissieltu bejniethom. Minkejja li kellhom bidu promettenti, Mqabba kien l-ewwel tim li ġie relegat u magħhom waqgħu l-ġirien Żurrieq FC wara tnax –il sena fil-Premier.
Iż-żewġ timijiet bl-esperjenza miksuba fil-Kampjonat Premier ma damux biex irritornaw fl-ogħla diviżjoni tal-kampjonat Malti. Fl-istaġun 1992/93, Żurrieq rebħu l-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni, u Mqabba, wara li bidlu l-kowċ għal Jimmy Briffa, kisbu l-promozzjoni wara logħba decider kontra Marsa FC.
Fl-istaġun 1993/94, Mqabba ma setgħux jaqbdu art fil-Premier u sa tmiem l-ewwel rawnd tista’ tgħid li diġa kienu relegati. B’hekk għal darb’oħra t-tim ġie relegat wara staġun wieħed biss mal-kbar. Iżda dan ma kienx kollox, għaliex iż-żelqa tal-Imqabbin kompliet għaddejja. L-istaġun 1994/95 reġa kien wieħed diżastuż u fl-aħħar spiċċaw biex tilfu posthom f’din id-diviżjoni wkoll. Wara numru ta’ staġuni, it-tim reġa sabu postu fl-Ewwel Diviżjoni.
Minn dakinhar ‘l hawn Mqabba baqgħu jitħabu biex iżommu posthom fl-Ewwel Diviżjoni Maltija.